Il-Gouldian Finch: Fil-periklu ta’ Estinzjoni

Minn Richard Lia

Fl-artiklu ta’ qabel dan, ippublikat fil-ħarġa tat-Tlieta 18 ta’ Lulju, ktibt fuq dik il-Gouldian partikolari li ħarġet b’maskra b’żewġ kuluri minnflok b’kulur wieħed, u tajtkom ukoll xi dettalji rigward it-trobbija tal-Gouldian fil-magħluq. L-artiklu ta’ llum ukoll jitratta dwar il-Gouldian Finch (Erythrura gouldiae), iżda minn angolu differenti.

Lady Gould Finch:

Il-Gouldian huwa msemmi għall-mara ta’ John Gould (1804-1881), naturalista li jibqa’ jissemma għal bosta pubblikazzjonijiet fosthom The Birds of Europe (1832-37) u The Birds of Australia (1840-48). Fl-1827 John Gould kien laħaq tassidermista għas-Soċjeta’ Żooloġika ta’ Londra. Elisabeth Gould kienet artista li sa ftit qabel mewtha, fl-1841, kienet tgħin lil John Gould fl-illustrazzjonijiet ta’ l-għasafar. Għad hawn ħafna, speċjalment l-Amerikani, li jirreferu għal dan l-għasfur bħala Lady Gould Finch, pero’, l-aktar isem komuni huwa l-Gouldian Finch.

Klassifikazzjoni tal-Gouldian Finch:

Klassi: Aves

Ordni: Passeriformes

Familja: Estrildidae

Ġeneru: Erythrura (jinkludi wkoll il-Parrot-finches)

Speċi: Erythrura gouldiae

Il-Gouldian Finch fis-selvaġġ:

Kif għidtilkom fl-artiklu l-ieħor, il-Gouldian Finch huwa għasfur li fis-selvaġġ jinstab biss fit-Tramuntana tal-kontinent Awstraljan, għalhekk huwa endemiku għall-dan il-pajjiż. Fis-snin sittin il-Gouldian ġie stabbilit fl-avikultura mhux biss ġewwa l-Awstralja iżda (permezz ta’ esportazzjoni li llum-il-ġurnata ilha li waqfet) anka ġewwa pajjiżi oħra bħall-Amerika u l-Ewropa. Fil-fatt ħafna mill-varjetajiet fil-kulur tal-Gouldian tnisslu fl-istess żmien kemm fi tluq u guvi Awstraljani kif ukoll f’dawk Ewropej, speċjalment ġewwa l-Belġju.

Riesaq lejn estinzjoni:

Sfortunatament fl-istat naturali tiegħu dan l-għasfur huwa fil-periklu ta’ estinzjoni, u skond riċerka li saret fadal biss inqas minn 2,500 Gouldian Finch. Numru li huwa żgħir ħafna u allarmanti anka meta wieħed iqis l-espansjoni foneminali li hemm ġewwa dan il-kontinent li jsaħħrek u meta wieħed iqabbel il-firxa vasta li fih kien jinstab il-Gouldian. X’wassal għal din il-figura allarmanti? Żgur li ma nistgħux nitfgħu t-tort fuq l-avikultura għaliex il-qbid tiegħu - u ta’ kull ħlejqa oħra fil-kontinet Awstraljan - ilu ħafna li ġie abolit (inkluż l-esportazzjoni). Wara kollhox, il-Gouldian huwa stabbilit sew fl-avikultura għax min għaraf jipprovdi dak li għandu bżonn tgħallem li fil-fatt mhux diffiċli tnissel minnu.

Dawn l-aħħar snin ġewwa l-Awstralja qed isir ħafna xogħol siewi fil-konservazzjoni u ħafna mill-għajnuna ġejja mid-dilettanti stess. S’issa għadu ma ġiex stabbilit eżatt x’qed jikkawża il-qerda tal-Gouldian fl-abitat tiegħu, għalkemm l-introduzzjoni tal-qtates domestiċi hija magħrufa sew kemm qed tħalli ħerba kbira.

Għajnuna mid-dilettanti stess:

L-avikultura mhux talli mhix tikkawża l-qerda ta’ dan l-għasfur, talli ħafna dilettanti li jrabbu l-Gouldian Finch ħassew il-bżonn li jikkontribwixxu sabiex isir kull sforz possibbli biex il-Gouldian ma jinqeridx darba għall-dejjem mill-ambjent naturali tiegħu. Ġewwa l-Awstralja, preċiżament mill-gżira ta’ Tasmania, Marcus Pollard - dilettant tat-trobbija ta’ l-għasafar bħali u bħalkom – ingħaqad ma’ Mike u Elisabeth Fidler u ffurmaw grupp ta’ nies biex isalvaw il-Gouldian Finch.

Dan il-grupp ta’ esperti u dilettanti ingħaqad ma’ l-"Australian Wildlife Conservancies (AWC) Gouldian Finch Restoration Program". L-AWC għandhom ħafna riservi naturali f’diversi postijiet mferrxa ma’ l-Awtralja, u hija l-akbar organizzazzjoni Awstraljana għall-konservazzjoni, b’fondi minn indvidwi u s-settur privat. Waħda minn dawn ir-riservi naturali tinsab fir-reġjun ta’ Kimberley magħrufa bħala l-Mornington Wildlife Sancturary. Din ir-riserva għandha medda ta’ art b’total ta’ bejn wieħed u ieħor 3,120km², aktar minn disa’ darbiet id-daqs tal-gżejjer Maltin! Fiha hemm waħda mill-aħħar popolazzjoni tal-Gouldian Finch u l-AWC, flimkien mal-koppja Fidler, Marcus Pollard u nies oħra, qedin jagħmlu l-istudji neċessarji u jikkontribwixxu finanzjarjament sabiex jiddeterminaw x’qed iwassal għall-qerda tal-Gouldian fis-selvaġġ. L-għan aħħari huwa sabiex finalment ikunu jistgħu jerġgħu jistabilixxu u jsaħħu l-popolazzjoni tal-Gouldian Finch.

Memorji sbieħ:

Għalkemm fl-1988 kont tliet xhur l-Awstralja flimkien mal-ġenituri tiegħi, li minn hawn insellmilhom u nerġa’ nirringrazzjhom ta’ kollhox, qatt ma kelli l-opportunita’ li nara l-Gouldians fis-selvaġġ għaliex konna ferm il-bod (fit-tarf l-ieħor tal-kontinet) u kont għadni naqra ta’ tfajjel mqareb ta’ tlettax-il sena! Biss meta rajt għall-ewwel darba dawk l-erba’ pari sofor u ħodor f’tluq ġewwa l-Awstralja stess bqajt sakemm għaxar snin wara bdejt inrabbi l-Gouldians fil-guvi tiegħi jien ukoll. Illum-il-ġurnata jien u dilettanti oħra bħali nħaddnu l-istess għan u qedin nikkontribwixxu sabiex insalvaw il-Gouldian Finch fl-istat natutrali tiegħu, minkejja d-distanza fenominali li hemm bejn Malta u l-Awstralja.

"I feel compelled to try and save Gouldian Finches. I have spent half a lifetime studying and learning about them, and to watch Gouldians die out in the wild would be tragic. We want to save the Gouldians - that means reversing the decline." Mike Fidler

Wieħed jista’ japprezza li post remot bħal m’hu l-Mornington Wildlife Sancturary u x-xogħol intensiv li qed isir hemmhekk jirrikjedi ħafna finanzi. Filfatt biex dan l-eżerċizzju tant importanti jirnexxi inħasset il-ħtieġa li jinġabru l-fondi u f’Settembru ta’ l-2005 tfassal is-Save the Gouldian Fund.

"However, the only problem with ecological studies of this magnitude, in such remote areas, is that they are very expensive. We need your help in raising funds to ensure this project continues to be a success and to protect the remaining pockets of the Gouldian Finch. So become a donor, encourage your colleagues and friends to do likewise and lobby your Avicultural Society to become actively involved." Mike Fidler

Jien li naf kemm huma għal qalbi l-Gouldians u l-għasafar kollha l-oħra li nrabbi ħassejt il-bżonn li nikkontribwixxi jien ukoll – fil-fatt meta qrajt l-artiklu fuq l-internet dwar l-istat tal-Gouldians (http://users.skynet.be/fa398872/ensave.htm) ikkuntattjajt minnufih personalment lil Marcus Pollard, li kif għidt huwa dilettant bħali tat-trobbija ta’ l-għasafar. Għidtlu li ħa nġib dan l-artiklu fil-Passa-temp biex nqajjem għarfien fuq l-istat allarmanti tal-Gouldian fis-selvaġġ. Meta ikkorrispondejt ma’ Marcus Pollard u għidtlu bl-intenzjoni tiegħi qalli preċiżament dan il-kliem:

"That would be fantastic!! The more people that know the better as far as we are concerned. Aviculture gets a bad rap and I know first hand how hard it is and what the "authorities" think of us… Sure we all benefitted through the wild trapped Gouldians but, if this was the major reason for decline, why didn’t they recover after 1980 when trapping ceased? A question many don’t wish to ask because it is easier to point at us and say they did it!!"

Kliem li verament jistħoqqlu pubblikazzjoni għax kulħadd jaf kemm għandu raġun! Fi ftit kliem Marcus Pollard qalli li huwa aktar faċli l-awtoritajiet jikkundannaw lin-nassaba għal qerda tal-Gouldian Finch milli jindirizzaw il-kawża propja. Bir-raġun jistaqsi għaliex għadhom qedin jonqsu mill-ambjent naturali tagħhom ladarba l-insib tagħhom ilu li waqaf sitta-w-għoxrin sena?!

Dan l-artiklu irridu jservi ta’ eżempju ċar kemm jien, u dilettanti oħra bħali tat-trobbija ta’ l-għasafar, lesti ngħinu f’proġetti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar kemm għal sodisfazzjon kbir personali, u anke sabiex innaqsu l-kritika distruttiva li niġu ttimbrati biha.

Għalhekk nissuġġerielkom iżżuru s-sit eletroniku fuq l-għibien tal-Gouldian mill-istat naturali tiegħu (http://users.skynet.be/fa398872/ensave.htm) u tikkontribwixxu inthom ukoll għal dan il-proġett ferm importanti – kull qatra tgħodd. Kif qalli Marcus Pollard stess…"It is people with your attitude that make all the hard work here worthwhile!". Grazzi.

 

Thanks to Richard for those kind words in his native hand. He is our first "man on the ground " in Malta and has done the Save The Gouldian Fund proud by publishing this article in a Maltese aviculture newspaper.
To Richard our thanks!!